Hawn aħna, erġajna – daqsxejn lanżit ħa nneħħu s-sadid.
Mingħand l-istess nies li ġabulkom slogans infami bħal Malta tagħna lkoll, l-aqwa żmien, u pajjiż ta’ kwalità, issa għandna perla ġdida fjamanta: l-istorja int.
Kellhom ħafna x’jagħmlu dal-aħħar ftit ġranet, imsieken. Fl-istess xahar, Malta tagħlaq 50 sena repubblika u ospitat id-delegati tal-OSCE.
Il-volum tal-propaganda huwa direttament relatat mal-istatura tal-okkażjonijiet. Verżjoni statali ta’ meta n-nanna toħroġ il-pożati s-sbieħ waqt house visit mingħand xi “miġnun jew missjunarju jew ħalliel”.
Purċissjoni kważi infinita ta’ laqgħat bejn irjus kbar, diskorsi miktubin minn armata interns li ilhom ma’ jorqdu ġimgħa, u riżorsi moħlija biex rappreżentant ta’ stat li qatel 43,000 suldat Ukren ikun jista’ jiġi hawn u jgħidilna li beħsiebom joqtlu iktar.
L-istorja int, qalulek mill-kmamar tal-poter fejn jiddiskutu il-futur tiegħek mingħajr l-inkonvenjenza tal-preżenza tiegħek.
Il-prim ministru Robert Abela qal li Malta hija repubblika demokratika ibbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu.
Mhux tal-ostja jew, tisma’ avukat li trabba ġo palazz u qatt ma’ għamel sold xogħol ġenwin jiftaħar fuq il-pajjiż li hu u sħabu bidlu ġo maqjel personali?
Robert Abela għandu rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu – dażgur li għandu.
Jiddependi biss fuq liema individwu qegħdin ngħidu, però.
Jekk inti inzertajt amorali biżżejjed biex tkun parti mill-qoxra kriminali li trabbiet ġol-partit Laburista, Abela jisilfek il-gvern kollhu biex jgħattilek il-ħmerijiet. Sakemm ma’ ssirx inkonvenjenti wisq, għax imbagħad tispiċċa timsaħ l-imwejjed għand Tax-Xalluwa u tistenna t-transfer.
Iżda, jekk kellek ix-xorti ħażina li nzertajt tobgħod tara l-korruzzjoni tifga lil pajjiżek, il-prim ministru għandu rispett lejn id-drittijiet tiegħek daqs kemm UnitedHealthCare għandhom rispett lejn il-bżonnijiet tal-pazjenti tagħhom.
Tant qegħdin ħażin li l-istatista kbir li jmiss tal-partit Laburista ser ikun Ian Borg, li ilu leġiżlatura sħiħa jirrijabilita il-persunaġġ pubbliku tiegħu. Bil-mod, bil-qies, fl-isfond: fil-frattemp, l-okkupant preżenti tas-siġġu tal-prim ministru jinsab mehdi jaqa’ għan-nejk kull meta jiftaħ ħalqu.
Taqta’ forsi xi kumplikazzjoni żgħira – taf int, xi każ ta’ infurzar fuq pool illegali mibnija fuq għalqa misruqa minn ħalq anzjan marid – il-pjanijiet ta’ Borg donnhom mexjin ħarir. Prosit, prim ministru emerġenti.
Saħansitra anke smajnieħ jitkellem fuq il-bżonn li nsaħħu l-ġurnaliżmu, u wasal anke jsemmi lil Daphne Caruana Galizia, leġġenda li għadha twaħħax lill-Laburisti tmien snin wara l-qtil tagħha.
Il-bżonn tar-riforma fis-settur tal-media huwa urġenti, qalilna Ian Borg. Irridu nipproteġu r-raba’ pilastru tad-demokrazija, qal bniedem li kien parti mill-istess Kabinett li ffaċilita l-klima ta’ impunità li wassal għal qtil ta’ Daphne u l-qirda tal-ġurnaliżmu ħieles f’dal-pajjiż.
L-istorja int, imma tiħux għalik jekk niktbuha mingħajr il-kontribut tiegħek.
L-istorja int, avolja tant għawwiġna r-realta’ li l-arkeoloġi tal-futur qas ser ikunu jistgħu jiddeċifraw il-fdalijiet tagħna.
L-istorja int, sakemm ‘int’ m’intix xi ħadd li jixtieq jara s-saltna tad-dritt issaltan, xi ħadd li ma’ jixtieqx jgħix ġo replika miżerabbli ta’ Dubai, jew forsi xi ħadd li tażżarda toħlom li nies li huma materjalment u moralment korrotti iduqu imqar farka waħda mill-uġigħ li kkawżaw bl-aġir tagħhom.
Jekk inti xi wieħed minn dawk, dabbar rasek.
Malta – fejn l-istorja tinkiteb mill-gvern tal-ġurnata.