Skip to main content

O Malta ipokrita,

Xi kultant, m’hemmx mod aħjar biex tesprimi l-furur minn lingwa li fiha ċertu ħażen fil-mudullun tagħha. Il-Malti, magħġun fid-djar tal-bdiewa u r-raħħala, jistkenn dejjem mill-widna tal-ħakkiem, iservi dan l-iskop b’mod ammirevoli.

Nikteb b’dan it-ton ardit għax xbajt nipprova inkellmek bil-kelma t-tajba. Wara kollox, jekk inħares lejn il-kompetituri tiegħi li jiġbdulkom l-attenzjoni, kollha jitkellmu b’volgarita’ u kunfidenza ta’ xi ħadd li għadu kif damdam borża coke, voldiri nista’ nassumi li l-livell ftit jista jkun iktar baxx milli diġa’ hu.

Wara snin twal ta’ parteċipazzjoni fid-diplomazija, ta’ dibattitu infurmat u elokwenti, ta’ appelli ibbażati fuq il-loġika, nista’ ngħid li l-poplu Malti m’huwiex biss ipokrita – huwa ukoll kodard.

Kodardi minn dawk li jħabbtu fuq sidirhom fejn hemm bżonn jidhru li jimpurtahom imbagħad privatament jigdmu ilsienhom, għax taf int, mhux kullħadd irid jiekol?

Ibda minn min konvint li l-partit huwa l-ħajja. Minn min konvint li jekk jimxi fit-triq mfassla mill-mexxej, ser jasal fl-art imwegħda. Mentalita’ ta’ żmien il-Lhud ta’ Mose’ ma’ jmissiex għad għandha s-setgħa li taħtaf l-immaġinarju illum, imma hawn aħna, ġo dil-gżira moħxija li tridha tal-presepju u ġġib ruħa qisha imitazzjoni fqira ta’ Gomorrah.

Inkomplu imbagħad b’min jgħaddas rasu fir-ramel u imbagħad jistagħġeb għax qam b’ħalqu mimli trab. Alla jtini s-sabar, avolja nittama li ilu li dawwar ħarstu xi mkien ieħor.

Litanija wara l-oħra. Ħadd ma’ jrid jagħmel xejn. Ma nsegwix jien – dejjem l-istess. Analiżi politika profonda li taqta’ fil-fond daqs il-mus tal-leħja ta’ Occam. Loġika li ssammrek qisha l-Limoncello dubjuż li tiftaħ nanntek fil-Milied. Busuli l-bajd, kollha kemm intom.

Nippreferi inxellifa ma’ Laburist injorant daqs min iddiżinja dik is-siġra li hemm quddiem il-Parlament minn xi ħadd li jaħlef li jimpurtaħ mid-demokrazija imbagħad qatt ma’ taraħ joħroġ għonqu biex jiddefendiha.

Qatt ħaristu sew lejn il-monument tal-ħaddiema li hemm l-Imsida? Dak li ser nidfnu taħt flyover redikola li ħadd ma’ jrid, biex niftiehmu?

Mhux il-familja Maltija abbronżata li hemm fuq nett qed ngħid. Qed ngħid għal ħaddiema li hemm jitqanżħu taħtom, maqbudin fl-att xejn pjaċevoli li jnaqqxu l-figura tagħhom stess għal eternita’.

Ħaddiem li tant hu minsi li spiċċa kellu jaħtaf l-għodda tal-iskultur u jnaqqax lilu nnifsu.

Dak hu verament wiċċ il-ħaddiem f’Malta tal-lum. U qabel ma’ jiġi xi ġenju jgħidli fuq il-barranin u fuq kif ġabuna, kunu afu li insib wisq iktar simpatija ma’ ħaddiem barrani mejjet bil-ġuħ minn Malti li għamel l-istorja ta’ ġensna kollha maħkum u ma’ tgħallem xejn.

Il-Malti ħexa lil Malta. L-Indjan li ġablek l-ikel id-dar, is-Serbjan li wasslek ix-xogħol, l-Indoneżjan li serviek meta ħriġt tisker, il-Kolombjan li qdiek fil-ħanut, is-Sirjan li tfarrak biex jibnilek darek, l-Etjopjan li qatagħlek xagħrek imbagħad keċċejtu, il-Palestinjan li tkarrablek għall-għajnuna u battlu t-talb minflok, l-Ukren li talbek arma u tajtu warda —

F’dawk se twaħħal għan-nuqqas ta’ sinsla tiegħek?

Iddaħħakx nies bik. Għad fadal uħud minnha li jistħu jidhru miegħek, speċjalment meta tgħid dawn iċ-ċuċati.

Ikolli nammetti li l-iktar ħaġa li tagħmilni Malti hija s-sodisfazzjon li nħoss meta nkisser is-silenzju delikat tas-soċjeta fejn iċ-ċivili huwa mifxul mal-iskiet artifiċjali u soffokanti tal-omerta’.

Bħal dik il-mistħija inevitabbli li tħoss meta’ tinduna li hemm il-Maltin jgħoddsu ġol-bargain bins fl-eqreb Primark għax tisma lil xi ħadd jiġbed waħda bil-madonna, nittama li kliemi daqstant iħammarlek wiċċek.

Ta’ Malti imtektek li jien, nieħu gost inkun il-kaġun ta’ dan it-tip ta’ skumdita’. Wara kollox, x’inhu l-punt li tkun ċivili meta kullħadd jistmak f’sormu xorta waħda?

Jekk qiegħed taqra dan u qiegħed tifhimni, int ukoll kellek ix-xorti dubjuża li titwieled fuq dil-gżira.

Int biss tista’ tifhem.

Int biss tista’ tibdel.

Leave a Reply